fniek ta' l-indi

Fenek ta' L-IndiIl-fenek ta’ l-Indi l-isem xentifiku tiegħu hu Cavia porcellus. Dan l-annimal oriġina fl-Amerika ta’ Isfel minn naħat tal-Peru’, Argentina, Brazil u Uruguai. Fis-selvaġġ jgħix f’komunitajiet fi xquq u toqob kemm fuq il-blat qalb il-muntanji kif wkoll f’mergħat tal-ġaxix. Dawn l-annimali jitrabbew mad-dinja kollha kemm bħala annimal ta’ laboratorju*, għal riċerka, bħala pets, u f’pajjizi ta’ l-Amerika Latina jitrabbew għal-ikel.

L-ikel tal-fenek ta’ l-Indi jikkonsisti f’varjeta ta’ ħaxix. Meta jkun mrobbi f’gaġeġ dan jiġi mitmugħ wkoll konċentrat apposta għal dawn il-fniek. Importanti hu li l-ilma ma jonqos u jkun dejjem frisk. Biex fenek ta l-Indi jikber u jibqa b’saħtu dan għandu jinagħta ikel li fih il-Vitamina Ċ bħal ħaxix aħdar jew l-ikel apposta għalihom li għadna kif semmejna, minħabba l-fatt, li bħal bniedem dawn l-annimali mhux kapaċi jassimilaw din il-Vitamina u jkunu jeħtiġuha bħala suppliment ma l-ikel.

Meta fenka jkollha madwar 2-3 xhur u tkun tiżen madwar nofs kilo hu l-aħjar żmien meta din tkun tista’ titagħmar. Fenek jkun tajjeb għat-tagħmir meta jkun jiżen 650 gramma u jkollu madwar 3-4 xhur. Il-fenka ta’ l-Indi ddum tqila madwar 65 ġurnata u twelled bejn 3-4 friegħ. Iż- żagħar jkunu jiżnu bejn 60 u 100 gramma. Dawn jitwieldu bil-pil u bis-snien, jitilqu jimxu mill-ewwel, u jibdew jnaqqru l-ikel tal-kbar wara ftit siegħat avolja l-ikel prinċipali jkun il-ħalib ta’ l-omm. Il-fniek ta’ l-Indi huma annimali li jitagħmru u jweldu s-sena kollha. Il-fatma (jiġifieri meta ż-żagħar jistgħu jitneħħew min ma l-omm) tista’ ssir wara 14 – ġurnata. Sa dak iż-żmien il-fenka tista’ terġa tkun diġa tqila.

Ta’ minn jgħid li fniek ta’ l-Indi hawn diversi razzez, bħal dawk msejħa English jew American li jkunu bil-pil dritt u qasir, Abyssinian li jkollhom il-pil goff u mtella l-fuq u l-Peruvian li jkollhom il-pil twil u lixx u mdendel l-isfel.

Dawk tal-pil qasir u l-albinoes huma dawk irrazzez li jitrabbew l-aktar għal riċerka fil-laboraotorji* filwaqt li dawk bil-pil twil jitrabew l-aktar għall passatemp.

* Dan is-sit huwa totalment kontra li kull tip ta' annimal jiġi użat ġol-laboratorji. Dawn it-tip ta' esperimenti huma krudili ħafna fuq l-annimali u l-ebda kreatura m'għandha tgħaddi minn din il-moħqrija. Dan il-mod ta' riċerka huwa mod antikwat, ma jreġġix u jista jkollu konsegwenzi ħżiena ħafna anke fuqna il-bnedmin (klikja hawn). Biex tkunu tafu iżjed fuq dawn it-tipi ta' esperimenti klikjaw hawn.